B’sodisfazzjoni nistgħu ngħidu li l-miri li kellu Reġjun Nofsinhar fil-pjan ta’ ħidma għas-sena li għadha kif intemmet intlaħqu u ninsabu f’pożizzjoni li nfasslu pjan ta’ ħidma aktar wiesa’ biex naspiraw għal miri ġodda konformi mal-funzjonijiet tal-Kunsilli Reġjonali elenkati f’Artikolu 37B.
L-impenji prinċipali tagħna :
- Nipproteġu l-ambjent naturali u l-ambjent urban fil-lokalitajiet tar-Reġjun u nieħdu l-miżuri neċessarji biex nindirizzaw l-enerġija b’mod sostenibbli, l-iskart u t-tibdil fil-klima.
- Infurzar lokali permezz ta’ servizz ta’ Uffiċjali tal-Komunità fil-lokalitajiet tar-Reġjun.
- Insostnu attivitajiet kulturali kemm dawk organizzati mir-Reġjun, kif ukoll dawk organizzati mil-lokalitajiet tar-Reġjun.
- Inkunu ta’ spalla fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali li jiffurmaw parti mir-Reġjun u noffru assistenza fl-għoti tas-servizzi fil-qasam ambjentali, soċjali, kulturali, turistiku u tat-teknoloġija tal-informatika.
- Nikkoordinaw mal-Kunsilli Lokali f’inizjattivi sportivi u edukattivi.
- Nikkoordinaw ma’ Ministeri, Dipartimenti, Entitajiet Governattivi, NGOs u setturi oħra f’ħidma konġunta biex niffaċilitaw il-ħidma tal-Kunsilli Lokali
- Noffru assistenza lill-Kunsilli Lokali fi ħdan ir-Reġjun sabiex jibbenefikaw u jimmaniġġjaw programmi finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
- Naħdmu favur l-għaqda u r-rispett bejn ir-residenti fil-komunitajiet tar-Reġjun.
- Naħdmu għal kwalità ta’ ħajja aħjar fir-Reġjun tan-Nofsinhar.
L-attività kulturali prinċipali ta’ Reġjun Nofsinhar tibqa’ tkun Festa Nar li matul is-snin kompliet iżżid fil-popolarità mhux biss mad-dilettanti tal-proteknika imma wkoll mal-pubbliku inġenerali. Dan wassalna biex inkomplu nkabbru din l-attività minn sena għal oħra.
Madanakollu rridu nwessgħu l-ħidma Reġjonali f’setturi oħra fosthom dawk sportivi, ambjentali u edukattivi. Nixtiequ nerġgħu nibdew norganizzaw SportsFest wara nuqqas ta’ xi snin filwaqt li naħdmu flimkien mas-Soċjetajiet Mużikali fir-Reġjun biex norganizzaw attività fuq bażi reġjonali flimkien. Se nippruvaw nikkoordinaw f’inizjattivi edukattivi fil-lokalitajiet tar-Reġjun biex ngħinu lir-residenti jgħollu l-livell edukattiv tagħhom u jtejbu l-ħiliet tagħhom. Nemmnu li jekk il-Kunsill Reġjonali jaħdem b’mod kollettiv għal dan il-għan, jirnexxilna naslu għal dawn il-miri u b’hekk inkunu qed intejbu l-ħajja tar-residenti fil-komunitajiet ta’ Reġjun Nofsinhar.
Qed nippjanaw biex naħdmu fuq riċerka u rapport ta’ evalwazzjoni ta’ impatt soċjali fir-Reġjun. Ħa naraw kif ir-Reġjun jista’ juża servizzi minn uffiċjal professjonali biex ngħinu lill-Kunsilli Lokali fi ħdan ir-Reġjun jibbenefikaw u jimmaniġġjaw programmi finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Se nagħmlu l-isforzi tagħna biex inżommu l-għaqda u r-rispett bejn kulħadd biex kull individwu jħossu kburi li jagħmel parti minn dan ir-Reġjun
Flimkien mal-membri tal-Kunsill Reġjonali se nkomplu naħdmu biex noffru servizz ta’ eċċellenza u biex xogħolna ikun jirrifletti governanza tajba, trasparenza u kontabiltà.