Pjan ta’ Ħidma
2021 – 2025
Dan il-pjan ta’ ħidma għandu jagħtina direzzjoni ‘l quddiem biex inkomplu ntejbu l-ħidma tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar għall-ġid tal-komunitajiet fil-lokalitajiet li jiffurmaw dan ir-Reġjun.
B’sodisfazzjoni nistgħu ngħidu li l-miri li kellu Reġjun Nofsinhar fil-pjan ta’ ħidma għas-sena li għadha kif intemmet intlaħqu u ninsabu f’pożizzjoni li nfasslu pjan ta’ ħidma aktar wiesa’ biex naspiraw għal miri ġodda konformi mal-funzjonijiet tal-Kunsilli Reġjonali elenkati f’Artikolu 37B.
L-impenji prinċipali tagħna :
- Nipproteġu l-ambjent naturali u l-ambjent urban fil-lokalitajiet tar-Reġjun u ngħinu biex tkun tista’ tiġi indirizzata l-enerġija b’mod sostenibbli, l-iskart u t-tibdil fil-klima.
- Nikkoordinaw ma’ Ministeri, Dipartimenti, entitajiet governattivi, setturi taż-żamma tal-ordni, għaqdiet mhux governattivi u entitajiet privati biex niffaċilitaw il-ħidma tal-Kunsilli Lokali tagħna.
- Nikkoordinaw ma’ Kunsilli Lokali f’attivitajiet u inizjattivi kulturali, edukattivi, sportivi, fiżiċi, soċjali u dawk relattivi għall-benesseri.
- Inkunu ta’ spalla fil-ħidma tal-Kunsilli Lokali li jiffurmaw parti mir-Reġjun u noffru assistenza professjonali fl-għoti tas-servizzi fil-qasam ambjentali, l-immaniġġjar tal-iskart, kulturali, l-immaniġġjar ta’ proġetti u tat-teknoloġija tal-informatika.
- Noffru assistenza lill-Kunsilli Lokali fi ħdan ir-Reġjun sabiex jibbenefikaw u jimmaniġġjaw programmi finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea, fondi maħruġa mid-Dviżjoni għall-Gvern Lokali u fondi oħra mill-Gvern Ċentrali.
- Naħdmu favur l-għaqda u r-rispett bejn ir-residenti kollha tal-Gżejjer Maltin.
- Naħdmu għal kwalità ta’ ħajja aħjar fir-Reġjun tan-Nofsinhar.
Matul is-snin li ġejjin, il-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar se jkun qed jiffoka l-ħidma tiegħu fuq il-funzjonijiet prinċipali tiegħu. Se jkun qed jagħti importanza speċjali fl-għoti ta’ servizz ta’ għajnuna u assistenza professjonali lill-Kunsilli Lokali fil-qasam ambjentali, l-immaniġġjar tal-iskart, kultura, l-immaniġġjar ta’ proġetti, teknoloġija tal-informatika, u benefiċċji minn programmi u proġetti b’fondi tal-Unjoni Ewropea u dawk lokali.
Madanakollu rridu nwessgħu l-ħidma Reġjonali f’setturi oħra fosthom dawk sportivi, soċjali, edukattivi, kif ukoll dawk relatati mal-qasam soċjali. Se nkunu qed nikkoordinaw u naħdmu spalla ma’ spalla mal-Kunsilli Lokali tagħna biex verament inkunu qed noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lir-Reġjun tan-Nofsinhar.
Għal dan il-għan, qed inħejju pjan strateġiku ambizzjuż li jinkludi xogħol strutturali biex jiġu estiżi l-uffiċini fil-bini amministrattiv tar-Reġjun sabiex ikun jista’ jilqa’ fih uffiċjali esperti u professjonisti li se jkunu qed jaħdmu mar-Reġjun biex jagħtu għajnuna professjonali lill-Kunsilli Lokali tagħna. Se nagħmlu l-almu tagħna biex il-Kunsilli Lokali jkollhom l-għodda u l-ħiliet neċessarji sabiex ikunu jistgħu joffru servizz ta’ livell professjonali lir-residenti tagħhom. Kulma jmur qed naraw li l-aspettattivi tal-pubbliku dejjem qed jiżdiedu. Għaldaqstant se nkunu qed nagħmlu ħilitna biex ngħinu lill-Kunsilli Lokali jilħqu l-aspettattivi tar-residenti fil-lokalità tagħhom.
Se nagħmlu l-isforzi tagħna biex inżommu l-għaqda u r-rispett bejn kulħadd biex kull individwu jħossu kburi li jagħmel parti minn dan ir-Reġjun
Flimkien mal-membri tal-Kunsill Reġjonali se nkomplu naħdmu biex noffru servizz ta’ eċċellenza u biex xogħolna ikun jirrifletti governanza tajba, trasparenza u kontabiltà.
Pjan ta’ ħidma 2021-2025 – final